Health & Safety Malta Mission Statement
About Us
Contact Us Kids Corner FAQs Courses Publications Notifications

 

€ 10,322 f’Multi

 

Stqarrija għall-Media

€ 10,322 f’Multi għal Ksur tal-Liġi dwar Saħħa u Sigurtà
fuq il-Post tax-Xogħol


12.12.08

Fl-aħħar seduta tal-Qorti Kriminali relatata ma’ każijiet li jinvolvu nuqqasijiet ta’ saħħa u sigurtà, numru ta’ imputati weħlu somma ta’ € 10,322 f’każijiet separati. Dawn il-każijiet koprew setturi u kwistjonijet differenti.

F’tlett każijiet differenti, żewġt irġiel, it-tnejn ta’ 27 weħlu total ta’ € 1,366 talli naqqsu milli jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tagħhom infushom u ta’ persuni li setgħu ġew affettwati bix-xogħol li kien qed isir. Dan sar minħabba li huma ma ħadux l-passi neċessarji kollha sabiex jiġu evitati danni fiżiċi, korriment jew mewt fuq il-post tax-xogħol. Huma naqsu wkoll milli jieħdu miżuri sabiex jitnaqqsu r-riskji fejn kien possibbli.

Numru ta’ diretturi ta’ lukandi u stabbilimenti oħra fis-settur tat-turiżmu weħlu somma ta’ € 5,262 għal għadd ta’ nuqqasijiet rigward is-saħħa u s-sigurtà. Dawn kienu jinkludu n-nuqqas ta’ kopja bil-miktub jew b’mod elettroniku ta’ evalwazzjoni tar-riskju u fejn applikabbli, li jaraw li jiġu eletti jew magħżula rappreżentanti tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li għandhom jkunu kkonsultati minn qabel minn min iħaddem dwar dak kollu li jista’ jaffettwa s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Minbarra dan, kien hemm min naqas li jiżgura li jiġu maħtura persuni li jkunu responsabbli mill-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa għat-tifi tan-nar u l-evakwazzjoni tal-ħaddiema u li l-ismijiet tagħhom għandhom jinżammu f’reġistru apposta fuq il-post tax-xogħol. Relatat ma’ dan, kien hemm min naqas milli jiżgura li jsiru eżerċizzji regolari kontra t-tifi tan-nar kif indikat mid-Direttorat tal-Protezzjoni Ċivili għal dak il-post tax-xogħol partikolari, iżda li ma jkunx inqas minn darba kull sitt xhur; f’dan il-każ għandhom jinżammu notamenti ta’ dawnl-eżerċizzji.

F’każijiet differenti, erba’ persuni ġew immultati total ta’ € 1,864 bejniethom mill-Qorti Kriminali ta’ Malta talli ma qabbdux persuna kompetenti li teżamina u tiċċertifika l-lift jew parank installat fil-post tax-xogħol konċernat taħt il-kontroll tagħhom u ma bagħtux iċ-ċertifikat tal-lift jew parank lill-OHSA kull sitt xhur kif mitlub bil-liġi.

F’din is-seduta tal-Qorti, kien hemm erba’ każijiet relatati mis-settur tal-kostruzzjoni li fihom l-imputati weħħlu total ta’ € 1,864 talli fost oħrajn ma ħarsux is-saħħa u s-sigurtà ta’ l-impjegati u tal-persuni kollha li setgħu ġew affettwati bix-xogħol. Kien hemm min ma bagħatx notifika lill-OHSA li kienu qed isiru xogħolijiet ta’ kostruzzjoni għalih li kienu se jdumu aktar minn 30 ġurnata u li kien jinvolvi mill-anqas 20 ħaddiem, jew li x-xogħol kien se jdum aktar minn 500 ġurnata xogħol.

Kien hemm min naqas ukoll li jaħtar project supervisor fuq il-proġett kif ukoll supervisor għall-istadju tad-disinn u li jagħmel pjan ta’ saħħa u sigurtà qabel beda x-xogħol ta’ kostruzzjoni. Imputat ieħor instab ħati li naqas milli jobdi ordni bil-miktub ta’ uffiċjal tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Fl-istess kawżi, instab nuqqas rigward l-apparat tax-xogħol tagħmir protettiv personali u l-armar u spezzjonijiet ta’ scaffolding.

-ends-


Kuntatt għall-Media:
Romina Rieck Zahra, Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, email: romina.rieckzahra@gov.mt, tel: 21 247 677/8.

Informazzjoni Oħra:
Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, 17 Triq Edgar Ferro, Pietà PTA 1533, email: ohsa@gov.mt, fax: 21 232 909.

 
 
 

 


© 2005 net-presence.com. All rights reserved - Privacy Policy