Health & Safety Malta Mission Statement
About Us
Contact Us Kids Corner FAQs Courses Publications Notifications

 

Stqarrija għall-Media-Waqgħat mill-Għoli

 

Stqarrija għall-Media


Waqgħat mill-Għoli


26.11.07

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) tinnota b’dispjaċir li ħaddiem ieħor tilef ħajtu traġikament fuq sit ta’ kostruzzjoni wara waqgħa mill-għoli. Dan huwa l-ħames inċident fatali fis-settur tal-kostruzzjoni din is-sena. Dawn it-tipi ta’ inċidenti qed ikomplu jiżdiedu aktar ma’ l-industrija tal-kostruzzjoni tieħu spinta ‘l quddiem u jiżdied dan it-tip ta’ xogħol. Dan ma għandux ifisser li l-livelli ta’ saħħa u sigurtà għandhom jillaxkaw.

Minħabba li għadha għaddejja inkjesta, l-OHSA mhux se tidħol fil-mertu tal-fatalità li seħħet illum, iżda tħeġġeġ lil kulħadd jieħu l-prekawzjonijiet kollha sabiex jiġu evitati aktar inċidenti u fatalitajiet fuq siti ta’ kostruzzjoni.

L-OHSA ilha u tibqa’ tisħaq dwar il-bżonn u l-obbligu li xogħol li jsir fl-għoli għandu jsir b’irpar protettiv u adegwat, fi kwalunkwe’ sitwazzjoni, jiġifieri kemm fuq in-naħa ta’ barra kif ukoll fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-binja.

Hemm għadd ta’ persuni li għandhom obbligi legali li jassiguraw li jkunu qed jimxu mal-liġi u jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u ta’ terzi persuni li jistgħu jiġu affettwati mix-xogħol li jkun qed isir.

Fil-fatt, is-sid tal-proġett (dak li jissejjaħ il-klijent, li għalih ikun qed isir ix-xogħol), is-supervisors appuntati mill-klijent, min iħaddem, diretturi, maniġers u supervisors oħra kollha għandhom responsabbiltà li jwettqu miżuri ta’ kontroll ta’ saħħa u sigurtà. Ħafna minn dawn l-obbligi joħorġu mill-Att Legali 281 ta’ l-2004 dwar bżonnijiet minimi tas-saħħa u s-sigurtà tax-xogħol f’siti ta’ kostruzzjoni.

L-Awtorità qed tieħu passi legali kontra min jirriżulta li jkun qed jikser dawn il-liġijiet. Dawn jinkludu wkoll is-sidien tal-binja u l-kuntratturi. F’każ li persuna tinstab ħatja, il-liġi taħseb għal piena li tista’ tkun sa sentejn priġunerija u/jew ta’ multa ta’ Lm5,000, kif ukoll tħassir tal-liċenzji kollha tal-post fejn ikun sari r-reat.

L-OHSA tixtieq tieħu l-opportunità sabiex toffri l-kondoljanzi lill-familjari tal-vittma.

Għal aktar informazzjoni dwar obbligi legali u gwidi fis-settur tal-kostruzzjoni wieħed jista’ jikkuntattja lill-OHSA fuq tel. 21 247677/8, jibgħat email fuq ohsa@gov.mt jew iżur il-websajt ta’ l-OHSA li hija: www.ohsa.org.mt

__________

Kuntatt għall-Media:
Romina Rieck Zahra, Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, email: romina.rieckzahra@gov.mt, tel: 21 247 677/8.


Mistoqsijiet Oħra:
Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, 17 Triq Edgar Ferro, Pieta’ PTA 1533, email: ohsa@gov.mt, fax: 21 232 909.

 
 
 

 


© 2005 net-presence.com. All rights reserved - Privacy Policy